Raġel ta’ 34 sena tressaq fil-Qorti t’Għawdex mixli li wettaq abbuż fuq bintu meta kienet taħt il-ħarsien tiegħu. L-allegat każ seħħ madwar erba’ ġimgħat ilu f’Għawdex.
Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Hekk kif bdiet tinstema’ l-preżentata, id-Difiża talbet għal divjett fuq l-ismijiet tal-akkużat u anke tal-minuri filwaqt li talbet ukoll divjett fuq il-mertu tal-każ.
Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni qalet li ma kinitx qiegħda toġġezzjona li jkun hemm divjett fuq l-ismijiet, iżda oġġezzjonat li jkun hemm divjett fuq il-mertu tal-każ.
Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Maġistrat Sultana laqgħet it-talba tad-divjett fuq l-ismijiet iżda ċaħdet it-talba għal divjett f’dak li jirrigwardja l-mertu tal-każ.
Id-Difiża mbagħad għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat fejn argumentat li l-allegata vittma hi bintu u mhux terzi persuni. Intqal li waqt l-investigazzjonijiet diġà ttieħdu l-verżjonijiet tal-akkużat, tal-allegata vittma u anke ta’ ommha.
Qalet li dan l-allegat każ seħħ aktar minn erba’ ġimgħat ilu u tant kemm għadda żmien li lanqas kien hemm lok għal inkjesta maġisterjali biex jiġu priservati l-provi.
Id-Difiża argumentat li t-testijiet mediċi kollha li kien hemm bżonn isiru, saru. Barra minn hekk, id-Difiża qalet biex il-Qorti jkollha moħħha mistrieħ, l-akkużat lest li jibqa’ jgħix f’Għawdex stess u hemm persuna li lesta żommu magħha. Argumenta li b’dan il-mod jista’ jkun hemm serħan il-moħħ minħabba li l-allegat vittma u ommha jgħixu f’Malta.
L-avukat Difensur tenna li l-akkużat ma kellux aċċess regolari ma’ bintu u kien fil-bidu ta’ din is-sena li reġa’ beda jaraha f’ħinijiet limitati.
Il-Qorti staqsiet lid-difiża dwar l-impjieg tal-imputat, bid-Difiża tgħid li l-klijent tagħha għandu żewġ impjiegi, wieħed full time u l-ieħor part time għal rasu. Qal li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest u jgħix Għawdex, ix-xogħol full time jista’ jieħu leave bla ħlas filwaqt li jaħdem ix-xogħol part time f’Għawdex stess.
Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni qalet li kienet qiegħda toġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest sakemm tinstema’ x-xhieda tal-allegata vittma u ta’ ommha. Biex tiribatti dwar l-argument li l-allegat każ seħħ erba’ ġimgħat ilu, il-Prosekuzzjoni qalet li t-tifla fetħet qalba mal-guidance teacher li min-naħa tagħha ħeġġitha biex tgħid lil ommha jew lil xi ħadd li tafda. Dakinhar stess, qalet il-Prosekuzzjoni, it-tifla marret tgħid kollox lil ommha u mill-ewwel marru jagħmlu rapport l-għassa fejn skattat l-investigazzjoni.
Dwar l-argument tad-difiża li l-akkużat kellu ftit kuntatt ma’ bintu, il-Prosekuzzjoni qalet li hu kien iżomm kuntatt sew magħha u dan jixhdu numru ta’ messaġġi li l-imputat bagħat lil bintu fuq whatsapp.
Aktar minn hekk, il-Prosekuzzjoni qalet li fil-passat l-imputat kellu diversi każi ta’ vjolenza domestika li anke kien tressaq il-Qorti fuqhom. Hawn id-Difiża argumentat li fl-ebda wieħed minn dawn il-każ, l-imputat qatt ma nstab ħati.
Wara li semgħet liż-żewġ partijiet, il-Qorti ordnat li l-imputat jibqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin.
L-Ispettur Mario Xiberras flimkien mal-Avukat Ramon Bonett Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mexxew il-prosekuzzjoni filwaqt li għall-imputat deher l-Avukat Jonathan Mintoff.