Friday, December 27, 2024

Mixli li baqa’ dieħel b’mutur misruq f’karozzi pparkjati

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 19-il sena mill-Marsa tressaq il-Qorti mixli li baqa’ dieħel b’mutur misruq f’karozzi pparkjati waqt li kien fuq libertà proviżorja.

Brandon Cassar tressaq quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Fost l-akkużi kien hemm li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa – f’dan il-każ mutur Kymco, li saq mingħajr liċenzja u polza ta’ assigurazzjoni, li kkawża ħsara f’żewġ karozzi oħra u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fost oħrajn.

L-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa spjegat fil-Qorti kif nhar l-14 ta’ Frar, għall-ħabta tat-8.30 p.m., l-Għassa tal-Ħamrun kienet infurmata b’ħabta li kienet tinvolvi mutur u żewġ karozzi, li waħda minnhom kienet ipparkjata.

Is-sewwieq tal-karozza l-oħra kien qal lill-pulizija li s-sewwieq tal-mutur kien ħarab minn fuq il-post bil-mixi. Bħala parti mill-investigazzjoni, il-pulizija ċċekkjat id-dħul fl-isptar għal ġrieħi kompatibbli ma’ dan it-tip ta’ inċident, u fil-fatt instabet persuni bi ġrieħi simili.

Minn aktar investigazzjonijiet u wara analiżi li saret tal-filmati tas-CCTV, kien ikkonfermat li l-pazjent inkwistjoni, Cassar, kien is-sewwieq involut fl-inċident. Peress li l-mutur instab li qabel kien irrapportat misruq, l-imputat għall-ewwel ġie infurmat li kien se jiġi arrestat fuq suspett ta’ serq.

“Madankollu, minħabba li l-pulizija ma sabitx provi li Cassar kien fil-fatt wettaq is-serqa, huwa minflok ġie mixli li laqa’ għandu mutur misruq,” żiedet tgħid l-Ispettur Zerafa.

Id-Difiża mbagħad talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba n-nuqqas ta’ affidabbiltà min-naħa tal-imputat.

Wara li semgħet it-trattazzjoni taż-żewġ partijiet, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li għada baqa’ xhieda li għad iridu jixhdu f’dawn il-proċeduri.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispettur Clayton Camilleri. L-Avukat Jonathan Abela assista lil Cassar.

Ekonomija

Sport