Wednesday, February 11, 2026

Mixli li darab ħafif lill-eks sieħba f’diversi okkażjonijiet

Aqra wkoll

Raġel ta’ 26 sena minn Birkirkara ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti mixli li darab ħafif lill-eks sieħba tiegħu f’diversi okkażjonijiet.

Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Ingrid Bianco mixli li weġġa’ lill-allegata vittma, li insultaha u heddidha, li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor u li kien riċediv.

Il-mara kienet għamlet rapport fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika fl-Imtarfa kontra l-eks sieħeb tagħha fejn qalet lill-pulizija li kienu ilhom flimkien għal ħafna snin u nfirdu madwar sena ilu iżda xorta kienu għadhom jaraw lil xulxin. 

Qalet li fil-5 ta’ Frar li għadda hija marret fil-ħanut tar-raġel u nqala’ argument, bit-tilwima allegatament teskala f’aggressjoni fiżika. Il-mara allegat li huwa ħebb għaliha u taha daqqa ta’ ponn barra l-ħanut.

L-Avukat Jacob Magri, li deher għar-raġel, talab għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat filwaqt li argumenta li l-verżjonijiet tal-imputat u tal-allegata vittma kienu diġà ttieħdu mill-pulizija, bir-raġel iwieġeb b’mod sħiħ waqt l-interrogazzjoni tiegħu.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €30,000. Ir-raġel kien ordnat ukoll jiffirma l-għassa kuljum.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri dehru għall-imputat. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport