Friday, December 13, 2024

Mixli li darab lil ħuh b’sikkina wara argument fuq flixkun tal-ilma

Aqra wkoll

Raġel ta’ 58 sena minn Ħal Qormi kien mixli li darab gravi lil ħuh wara li allegatament tah daqqa ta’ sikina f’argument li nqala’ fuq flixkun tal-ilma.

Ignazio Mifsud tressaq quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu.L-inċident seħħ l-Erbgħa li għadda, f’xi ħin bejn is-7.00 p.m. u t-8.00 p.m., waqt li ż-żewġt irġiel kienu qed jieklu. 

Huwa mifhum li huma kellhom argument fuq flixkun tal-ilma li eskala tant li wieħed minnhom qabad sikkina li kien hemm fuq il-mejda u allegatament darab lil ħuh biha. Waqt li ċaħad l-akkużi kontrih, il-Qorti kienet infurmata li f’dan l-istadju d-Difiża ma kinitx se titlob għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Għaldaqstant huwa baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, bil-Qorti tordnalu biex ma javviċinax jew jikkomunika bl-ebda mod ma’ ħuh meta jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Eman Hayman. L-Avukat Roberta Bonello dehret għall-imputat.

Ekonomija

Sport