Monday, January 12, 2026

Mixli li darab lil martu f’każ ta’ vjolenza domestika … tifel ta’ 4 snin jistaħba taħt is-sodda u oħtu ta’ 9 snin tweġġa’

Aqra wkoll

Raġel ta’ 36 sena residenti Ħal Għaxaq ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li darab ħafif lil martu u lil bintu minuri f’każ ta’ vjolenza domestika. 

Ir-raġel, li ismu mhux jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kien mixli li kkawża lil martu u lil bintu biża’ li se tintuża vjolenza kontrihom u li f’inċident separat waddab tazza u flixkun lejn martu.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li s-Sibt li għadda, il-mara kienet marret maż-żewġt uliedha – ta’ 4 u 9 snin – fit-Taqsma tal-Vjolenza Domestika biex tagħmel rapport fil-konfront ta’ żewġha.

Hija qalet lill-pulizja li żewġha kien daħal lura d-dar fis-sakra u fetaħ bott birra waqt li hija kienet tipprepara biex toħroġ. Qalet li huwa mar ħdejha u allegatament beda jgħaddilha kummenti talli kienet se toħroġ. Hi weġbitu li hu dejjem barra u għax kienet se toħroġ darba kien qed jaqla’ l-problemi.

Kien hawn li allegatament ir-raġel ħebb għaliha u t-tifla marret tofroqhom fejn weġġgħet ħafif waqt li t-tifel iż-żgħir mar jistaħba taħt is-sodda. Żiedet li r-raġel beda jgħajjarha li kienet ħierġa mal-irġiel, ħadilha ċ-ċwievet u qalilha li jekk toħroġ ma kienx se jħalliha tidħol lura. 

L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €9,000. Huwa kien ordnat jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa u ngħata 12-il siegħa ċans biex jirritorna ċ-ċwievet lil martu.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegati vittmi.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef.

L-Avukati Vincent Micallef u Jacob Portelli dehru għall-imputat filwaqt li l-Avukat Yanica Barbara Sant dehret għall-mara.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport