Tuesday, December 24, 2024

Mixli li għadda €80,000 f’pagamenti ta’ klijenti fil-kontijiet tiegħu

Aqra wkoll

Raġel li jaħdem f’kumpanija tal-assigurazzjoni nżamm arrestat wara li ġie mixli li għadda madwar €80,000 f’pagamenti ta’ klijenti fil-kontijiet tiegħu.

Salvatore Giuseppe Massimo Pirrello ta’ 51 sena minn Marsaskala, tressaq quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo mixli bi frodi, miżapproprjazzjoni u li għamel użu ħażin ta’ tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika. 

L-Ispetur Wayne Rodney Borg spjega li Pierrello kien arrestat wara investigazzjoni dwar trasferimenti suspettużi li kienu rrapportati mill-kumpanija tal-assigurazzjoni li kienet timpjegah. 

Intqal li l-imputat kellu aċċess għal informazzjoni dwar ħlasijiet mensili minn klijenti korporattivi, kif ukoll l-awtorità li jbiddel id-dettalji bankarji relatati ma’ dawk l-istess ħlasijiet. 

Qed ikun allegat li Pirrello biddel id-dettalji f’diversi każi u ttrasferixxa total ta’ €80,000 f’diversi kontijiet oħra, uħud minnhom barra minn Malta. 

Fil-Qorti ntqal li minn dawn it-trasferimenti, €28,000 tqiesu bħala suspettużi u immedjatament treġġgħu lura mill-bank, filwaqt li kien miċħud ukoll it-trasferiment ta’  €6,000 oħra. 

Il-Prosekuzzjoni żiedet tgħid li Pirrello kien irritorna €25,000 mill-flus li huwa qed ikun akkużat li ffroda.

L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest minħabba li argumentat li l-klijent tagħha diġà ħallas lura l-maġġoranza tal-flus. 

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-possibilità ta’ intralċ ta’ provi, il-fatt li l-imputat m’għandux irbit ma’ Malta u li l-vittma għad iridu jixhdu f’dawn il-proċeduri. 

Il-Maġistrat Noel Bartolo ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju minħabba l-biża’ li l-imputat ibagħbas fil-provi jew jaħrab mill-pajjiż.

L-Avukat Joseph Bonnici deher għal Pirrello.  

Ekonomija

Sport