Wednesday, May 14, 2025

Mixli li għamel ħsara fuq vetturi u darab persuna f’argument f’Marsalforn

Aqra wkoll

Ashraf Sultan, li għandu ċittadinanza Maltija, tressaq quddiem il-Maġistrat Simone Grech mixli li għamel ħsara fuq diversi vetturi u li darab persuna f’argument f’Marsalforn. 

Hu kien mixli li nhar il-Ħadd li għadda, għall-ħabta tal-10.00 p.m. kien involut f’argument ma’ perusni oħrajn u waqt dan l-argument persuna kellha tittieħed l-Isptar minħabba li sofriet xi ġrieħi.

Sultan ġie mixli wkoll li kiser il-bon ordni, li għamel ħsara fuq mill-inqas żewġ vetturi u anke li hu riċediv.

B’rasu baxxuta l-ħin kollu, meta mistoqsi mill-Maġistrat Simone Grech xi jwieġeb għall-akkużi, Sultan qal li mhux ħati.

L-Avukat tal-Għajnuna Legali Nadine Stivala filwaqt li talbet għall-ħelsien mill-arrest, qalet li Sultan hu “vittma” f’dan l-argument hekk kif hu kien sejjer jixtri s-sigaretti u spiċċa f’dan l-allegat argument. Qalet li hu bl-ebda mod ma ried jidħol fih jew iweġġa’ xi persuni.

Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni qalet li Sultan għandu problema kbira ta’ flus. Qalet li skont kif qal lill-pulizija kulma kellu kien 350 ewro fuqu li tilifhom waqt l-istess argument. L-Ispettur Gauci qal li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest l-imputat hu diffiċli biex jaderixxi mal-kundizzjonijiet li timponi fuqu l-Qorti.

Waqt li kienet qiegħda ssir l-investigazzjoni, Sultan qal lill-pulizija li hu kien persuna bla dar… iżda wara ftit biddel il-verżjoni u qal li dakinhar stess kellu jmur jgħix f’appartament ma’ sieħbu. Il-Prosekuzzjoni qalet li dan l-appartament jinsab fl-istess triq fejn jgħix il-vittma.

L-Ispettur Gauci qal ukoll quddiem il-Qorti li Sultan m’għandux impjieg u allura ma jistax isostni lilu nnifsu. Għal dan l-avukata qalet li l-klijent tagħha kien se jibda xogħol fil-kostruzzjoni fil-jiem li ġejjin u kien qiegħed jistenna biex jiffirma l-kuntratt tax-xogħol.

Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Maġistrat Grech ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fost l-oħrajn minħabba n-natura tal-akkużi kif ukoll l-imputat ma ppreżenta l-ebda dokument fil-Qorti li verament juru li għandu fejn jgħix jew li għandu impjieg fiss.

Il-Qorti ordnat biex hu jibqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport