Saturday, December 28, 2024

Mixli li ġiegħel lill-eks sieħba tagħmel atti sesswali miegħu

Aqra wkoll

Raġel ta’ 33 sena li allegatament stupra lill-eks sieħba tiegħu baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. L-allegat każ seħħ it-Tnejn filgħaxija, fir-residenza tal-imputat f’San Pawl il-Baħar. 

Il-Prosekuzzjoni spjegat fil-Qorti kif l-imputat allegatament kien ġiegħel lill-eks sieħba sabiex tidħol fil-kamra tal-banju waqt li t-tifel tagħhom kien rieqed u wara sforzaha tagħmel atti sesswali miegħu. 

Il-mara rnexxielha taħrab u waqqfet xi uffiċjali tal-pulizija li nzertaw kienu għaddejjin minn dawk l-akwati u marret tirrapporta l-inċident. L-eks sieħeb tagħha tressaq fil-Qorti l-Erbgħa mixli bi stupru, li żamm lill-allegata vittma kontra l-volontà tagħha u li kkawżalha biża’ li se tintuża vjolenza fuqha. 

Huwa ċaħad l-akkużi iżda baqa’ jinżamm arrestat wara li kellu t-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda mill-Qorti. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Wayne Buhagiar u Italo Mizzi. 

Ekonomija

Sport