Monday, November 11, 2024

Mixli li ħadilha filmat sesswali privat mingħajr il-kunsens tagħha

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Serb ta’ 43 sena residenti San Pawl il-Baħar inżamm arrestat wara li ġie mixli li ħa ritratti u filmat sesswali privat mingħajr il-kunsens tal-mara involuta. L-allegat każ seħħ fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt f’appartament f’San Pawl il-Baħar. 

L-imputat, li qal li jaħdem fil-qasam tal-kostruzzjoni, tressaq quddiem il-Maġistrat Monica Vella fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Fil-Qorti ħareġ li l-pulizija bdew jinvestigaw il-każ wara li l-allegata vittma marret tagħmel rapport fl-għassa tal-Qawra. 

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li l-allegata vittma għadha ma xehditx f’dawn il-proċeduri u minħabba li l-imputat għandu pjanijiet li jsiefer lejn is-Serbja. 

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ħeġġet lill-Prosekuzzjoni biex fl-ewwel seduta tixhed il-mara.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi mentri l-Avukat tal-Għajnuna Legali Sue Mercieca dehret għar-raġel.

Sport