Sunday, January 19, 2025

Mixli li ħebb għal anzjan ta’ 74 sena … l-imputat jallega li l-vittma pprova jwettaq avvanzi sesswali fuqu

Aqra wkoll

Raġel tressaq fil-Qorti fejn wieġeb mhux ħati li aggredixxa anzjan ta’ 74 sena li kien mar joqgħod għandu, wara li dan tal-aħħar allegatament kien ipprova jwettaq avvanzi sesswali fuqu. 

Massimo Tivisini, Taljan ta’ 56 sena li ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 40 sena, kien mixli li weġġa’ gravi lill-anzjan f’Tas-Sliema u li heddu bi vjolenza.

Il-każ kellu l-bidu tiegħu s-Sibt li għadda, meta l-allegat vittma kien mar jagħmel rapport l-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema fejn allega li kien għadu kif ġie aggredit. Huwa kien identifika lill-imputat bħala dak li allegatament aggredih. 

L-allegat vittma kien spjega li f’Awwissu li għadda, huwa kien avviċinat minn qassis li talbu biex joffri akkomodazzjoni temporanja lil Tivisini, peress li d-dar tiegħu kien qed isir xi xogħol fiha. L-anzjan kien aċċetta dan u Tivisini mar jgħix fir-residenza tiegħu. Sadanittant, il-qassis kien iħallas il-kera f’ismu. 

Waqt li kien qed jippreżenta r-rapport tiegħu, il-vittma allega wkoll li Tivisini kien aggredih diversi drabi u saħansitra heddu li joqtlu.

Min-naħa l-oħra, meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tad-Difiża, l-Uffiċjal Prosekutur ikkonferma fil-Qorti li Tivisini kien allega li huwa telaq ‘il barra mir-residenza ta’ Tas-Sliema minħabba li dak li laqgħu hemm kien qiegħed jagħmel avvanzi sesswali mhux mixtieqa fuqu. Id-Difiża qalet li kien tali aġir li wassal għall-inċident. 

Il-Prosekuzzjoni kkonfermat li meta l-imputat ħareġ mid-dar tal-allegat vittma, dan ma reġax lura fiha u lanqas ma pprova javviċinah b’xi mod. Wara li tlestew ix-xogħlijiet fil-proprjetà tiegħu, l-imputat kien reġa’ mar joqgħod f’dik ir-residenza. 

Fis-sottomissjonijiet dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest, id-Difiża qalet li minn meta ħareġ mill-isptar xi erbat ijiem ilu, l-imputat ma kien ipprova javviċina lill-allegat vittma bl-ebda mod. 

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, ċaħdet it-talba għal-libertà proviżorja sakemm jixhed l-allegat vittma.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Alessia Schembri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Michael Vella. Għall-imputat deher l-Avukat Silvan Pulis.

Sport