Raġel ta’ 35 sena baqa’ jinżamm taħt arrestat preventiv wara li tressaq fil-Qorti t’Għawdex mixli li ħebb għal bintu ta’ tliet snin u kkaġunalha ġrieħi ħfief.
Huwa kien mixli wkoll li għad li kellu l-jedd li jwiddeb lil ħaddieħor, ħareġ barra mill-qies meta uża swat tal-ġisem ta’ xi tip kif ukoll li mbotta lil ħaddieħor fit-triq biex iweġġagħha jew jinsulentaha.
L-allegat każ seħħ l-Erbgħa li għadda, bejn il-ħnijiet tad-8.45 a.m. u d-9.15 a.m., fi Triq ir-Repubblika, ir-Rabat, Għawdex.
Huwa mifhum li l-Pulizija kienu rċevew rapport dwar missier li allegatament kien qed ikun vjolenti fuq bintu. Il-Pulizija rat ukoll filmat ta’ dak li allegatament seħħ u sussegwentement ġie arrestat l-imputat.
L-imputat tressaq il-Ġimgħa fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba fejn saħqet li l-Pulizija u l-Qrati għandhom ikunu l-vuċi ta’ dawk li ma jistgħux isemmgħu leħinhom, f’dan il-każ ta’ tifla ta’ tliet snin.
Il-Prosekuzzjoni żiedet tgħid li l-allegat aġir tal-missier kien ferm vjolenti biex jitqies bħala mezz ġustifikat sabiex jikkoreġi lill-minuri.
Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Qorti ċaħdet it-talba fuq diversi raġunijiet li jikkonċernaw il-benesseri tal-minuri u ordnat li dan il-każ jinġieb għall-attenzjoni tad-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri.

