Raġel ta’ 76 sena nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li ħebb għal martu u darabha ħafif.
Fil-Qorti nstema’ kif il-Ġimgħa filgħaxija, il-mara kienet marret tagħmel rapport fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika f’Santa Luċija.
Hija allegat li dakinhar tal-argument, hi u l-imputat bdew jilletikaw fuq xi flus, u f’ħin minnhom dan ħareġ mus u allegatament ippuntah m’għonqha.
Intqal li fl-istess ġurnata, fit-triq fejn joqogħdu l-koppja, raġel barrani beda jaqbad mal-akkużat u qallu li kien hemm raġel li ried jeħodlu lill-mara.
Kif l-imputat sema’ hekk, mar ħdejn il-mara u allegatament ħebb għaliha u qaċċtilha x-xagħar minn rasha.
Mill-assessjar li sar fuq il-vittma, irriżulta li din kienet tinsab f’riskju ta’ periklu estrem filwaqt li r-raġel fl-istqarrija li ta lill-pulizija kkonferma li kien ġibdilha u qaċċtilha xagħarha.
F’dan l-istadju, id-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant l-imputat baqa’ jinżamm arrestat.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon.