Raġel ta’ 31 sena mill-Kamerun inżamm arrestat wara li ġie mixli li darab uffiċjal tal-pulizija.
Fil-Qorti ntqal li l-Ġimgħa, il-pulizija daħlilha rapport li kien hemm argument bejn żewġ persuni.
Meta marru fuq il-post, sabu li kien hemm ħabta bejn żewġ karozzi, fejn l-imputat allegatament ma riedx jiffirma l-formola tal-ħabta, filwaqt li sar vjolenti u weġġa’ lill-persuna oħra.
Irriżulta li l-allegat vittma f’dan l-argument kien surġent tal-pulizija, li nzerta ma kienx xogħol. Intqal ukoll li fil-ħin tal-inċident, raġel li kien miexi bil-kelb mar biex iferraq liż-żewġ persuni, bil-kelb tiegħu jigdem ukoll lill-allegat vittma.
L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li għad baqa’ xhieda li għad iridu jinstemgħu.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Monica Vella ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Clayton Camilleri u Andrew Agius Bonello.