Tuesday, January 6, 2026

Mixli li hedded ħames uffiċjali tal-Pulizija

Aqra wkoll

Raġel ta’ 29 sena tressaq fil-Qorti mixli li hedded żewġ Surġenti tal-Pulizija u tliet Kuntistabbli l-Ħadd li għadda.

Usam Abdullahi Sohdal ġie mixli wkoll li ma obdiex ordnijiet leġittimi tal-pulizija, li ma kellux il-mezzi biex imantni lilu nnifsu u li għex ħajja ta’ għażż u vagabondaġġ.

L-Ispettur Ian Vella spjega fil-Qorti kif l-uffiċjali kienu qed jagħmlu rondi fil-Marsa meta nnutaw lill-akkużat u talbuh għad-dettalji.

Huwa allegatament irrifjuta milli jagħtihom l-informazzjoni u kien arrestat u ttieħed l-Għassa tal-Pulizija fejn kompla jilmenta u jhedded lill-pulizija.

Permezz tal-Avukat tiegħu, ir-raġel għall-ewwel ammetta l-ħtija tal-akkużi. Il-Qorti mbagħad spjegatlu l-konsegwenzi legali tal-ammissjoni ta’ ħtija, u r-raġel talab biex jitkellem fil-Qorti.

“Jien qiegħed hawn għal xejn. Sabuni ġewwa gazebo. Ma nistax nifhem għaliex jien hawn,” qal Sohdal.

Minħabba dak li qal, il-Qorti ma aċċettatx l-ammissjoni tiegħu u r-raġel inżamm arrestat. Il-każ se jiġi assenjat skont il-liġi.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ian Vella mentri l-Avukat tal-Għajuna Legali Ingrid Zammit Young dehret għall-imputat. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport