Wednesday, December 25, 2024

Mixli li hedded li jxerred materjal indiċenti tagħha ta’ meta kellha 15-il sena

jgħid li ried jgħallimha biex ma terġax tibgħat dawn it-tip ta’ ritratti

Aqra wkoll

Sirjan ta’ 25 sena residenti Marsaskala tressaq il-Qorti mixli li hedded li jiċċirkola u li kien fil-pussess ta’ ritratti indiċenti ta’ tifla taħt l-età, liema tifla qed ikun akkużat ukoll li taha fastidju u talab favuri sesswali mingħandha fuq il-midja soċjali.

Ramadan Ahmed Hamed, li jaħdem fil-kostruzzjoni, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. L-Ispettur Joseph Busuttil, spjega lill-Maġistrat Josette Demicoli li quddiemha tressaq Hamed, kif tfajla ta’ 17-il sena kienet ċemplet lill-pulizija biex tirrapporta li xi ħadd qalilha li kellu ritratti pornografiċi tagħha u heddidha li kien se jiċċirkulahom. 

Il-Qorti semgħet kif meta t-tifla kellha 15-il sena, hija kienet bagħtet dawn ir-ritratti lil raġel li aktar tard irriżulta li kien qed juża profil ta’ Facebook taħt isem falz. L-investigazzjonijiet tal-pulizija wasslu għall-imputat, li ġie interrogat biex jikkonferma jekk dan kienx minnu. “Ir-raġuni li tana kienet li ried jgħallem lit-tfajla biex ma tagħmilx affarijiet bħal dawn,” qal l-Ispettur. 

L-Avukat Jason Grima, li deher għall-imputat, talab biex il-klijent tiegħu jingħata l-libertà proviżorja. Ħu l-imputat iddikjara li kien lest jidħol garanti għalih.

Il-Qorti laqgħet it-talba u tatu l-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €7,000. Huwa kien ordnat jiffirma l-Għassa tliet darbiet fil-ġimgħa u ma javviċinax lill-allegata vittma jew b’xi mod jersaq lejha.

Ekonomija

Sport