Friday, May 16, 2025

Mixli li hedded lill-eks sieħba “li se jaqtgħalha rasha”

Aqra wkoll

Raġel ta’ 40 sena, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti tressaq quddiem il-Maġistrat Simone Grech mixli li nhar il-Ħamis li għadda u fil-jiem u x-xhur ta’ qabel hedded lill-eks sieħba tiegħu u kkawżalha biża’ li se tintuża l-vjolenza fuqha.

L-Ispettur Mario Xiberras li mexxa l-Prosekuzzjoni spjega kif l-allegata vittma marret tagħmel rapport l-Għassa tar-Rabat fejn allegat li kienet ġiet mhedda mill-eks sieħeb tagħha. Qal li wara li dan il-każ kien beda jiġi investigat, hu stess mar biex jitkellem mal-vittma.

Fir-rapport hi qalet li filgħodu kienet irċeviet messaġġ mill-Iskola fejn jattendi t-tifel li għandha flimkien mal-imputat li ma kienx attenda skola. L-Ispettur Xiberras qal li l-allegata vittma marret quddiem id-dar tal-imputat fejn talbet spjegazzjoni għaliex binhom ma kienx mar skola.

Jirriżulta li kien hawn li nqala’ argument bejniethom fejn l-imputat allegatament qallha “itlaq ‘l hemm għax inballtek”. U allegatament beda jheddiha li issa tkun taf sa fejn jasal hu.

Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li l-Ħadd ta’ qabel meta l-allegata vittma kienet għadha kemm waslet lura Malta, l-imputat kien allegatament ċemplilha u qalilha “niġi għalik l-airport u naqtagħlek rasek”.

L-Ispettur Xiberras qal li fl-Għassa tar-Rabat marru l-ħaddiema soċjali fejn għamlu assessjar tal-vittma li rriżulta li kienet f’riskju għoli. Għalhekk kompla l-Ispettur inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tal-imputat fejn ġie arrestat mir-residenza tiegħu.

L-imputat li fil-qorti qal li jaħdem fil-kostruzzjoni wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih.

L-avukat difensur Dr Daniel Calleja qal li ma kienx qiegħed jikkontesta l-vadilità tal-arrest, iżda kien qiegħed jitlob il-ħelsien mill-arrest. Qal li l-klijent tiegħu lest li joqgħod għal kull kundizzjoni li timponi l-Qorti fuqu apparti li l-imputat u l-allegata vittma jgħixu f’residenzi differenti.

Min-naħa tagħha l-Prosekuzzjoni qalet li jekk il-Qorti tiddeċiedi li tagħti l-ħelsien mill-arrest għandha timponi kundizzjonijiet stretti ħafna fuqu, apparti li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u xi familjari tagħha.

Il-Maġistrat Simone Grech wara li semgħet liż-żewġ naħat laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li l-imputat jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-Għassa tar-Rabat u li ma jistax joħroġ mid-dar bejn id-9.30 p.m. u l-5.30 a.m.

Il-Qorti wkoll ordnat lill-imputat li ma jistax iħalli l-gżejjer Maltin u jrid jidher għal kull seduta li jkun imsejjaħ għaliha fil-Qorti.

Il-Maġistrat ordnat lill-imputat iħallas depożitu ta’ 550 ewro u garanzija personali ta’ 2,000 ewro.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mario Xiberras filwaqt li l-Avukat Daniel Calleja deher għall-imputat. L-Avukat Alfred Grech deher parte civile għall-allegata vittma.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport