Raġel ta’ 35 sena residenti Bormla ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti fejn ġie mixli li hedded u beżża’ lill-ġenituri tiegħu, it-tnejn ta’ 75 sena, biex jagħtuh il-flus għad-droga.
L-Ispettur Audrey Micallef qalet quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana kif l-imputat kien il-ħin kollu jitlob lill-ġenituri tiegħu l-flus. Spjegat li darba fost l-oħra ħa lill-missieru quddiem l-ATM u ordnalu biex jiġbed il-flus u jagħtihomlu.
Quddiem il-Qorti filwaqt li wieġeb mhux ħati, l-imputat talba li jingħata l-għajnuna biex iwaqqaf il-vizzju tad-droga u jitħalla jibda programm ta’ rijabilitazzjoni.
Il-Maġistrat Caruana ħareġ ordni ta’ trattament ħalli l-akkużat jiġi mgħejjun jiffaċċja l-vizzju.
L-akkużat kien imwissi li jekk ma joqgħodx għal dan it-trattament jisa’ jeħel €1,000 multa u li jekk jikkomunika mal-ġenituri jista’ jeħel ukoll €7,000 multa u sentejn ħabs.

