Sunday, May 5, 2024

Mixli li hedded lill-imgħallem li se joqtollu l-ġenituri

Aqra wkoll

Sean Mangion, ta’ 33 sena residenti San Ġiljan ilbieraħ ġie akkużat li hedded lill-imgħallem tiegħu Ronald Debono kif ukoll li bl-imġiba tiegħu kkaġuna biża’ lil Debono li se tintuża vjolenza kontrih jew inkella persuni qrib tiegħu.

Ġie akkużat ukoll li għamel ħsara fi ħwejjeġ Debono, li m’obdiex l-ordinijiet tal-pulizija kif ukoll li kiser diversi kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti f’każ separat.

Il-Prosekuzzjoni quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt spjegat li l-Ġimgħa filgħaxija, il-pulizija kienu rċivew rapport mingħand Debono fejn qallhom li kien għadu kemm ċempillu Mangion u qallu li kissirlu l-windscreen tal-vettura. Kien qallu wkoll li kien se jinżel id-dar t’ommu u missieru biex joqtolhom.

L-Ispettur Prosekutur qal li l-pulizija ċemplu lill-akkużat u għal bidu ma riedx jagħtihom informazzjoni fejn kien. Iżda wara ftit qallhom li kien qiegħed f’għalqa f’Ħal Qormi. Meta l-pulizija waslu fil-post indikat mill-akkużat sabuh fi stat aġitat filwaqt li beda joffendi lil Debono u anke jgħid lill-pulizija li ma jimpurthomx minnhom. Hu ammetta mill-ewwel li kisser il-windscreen, iżda ma riedx jgħid għaliex wettaq dak l-att.

Mangion fil-Qorti wieġeb mhux ħati filwaqt li d-difiża għamlet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Id-difiża qalet li dan hu argument bejn impjant u min iħaddmu dwar xogħol u ħlas li kellu jsir. L-avukati difensuri qalu li l-imputat diġa stqarr li ddispjaċih u kien lest iħallas id-danni kollha li wettaq.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal dawn l-argumenti u qalet li għad hemm xhieda li għad iridu jixhdu filwaqt li anke l-akkużat kiser diversi kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.

Wara li sema’ ż-żewġ naħat il-Maġistrat Joseph Gatt ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest u anke ħareġ ordni ta’ protezzjoni favur l-imgħallem u l-ġenituri tiegħu.

Sport