Jonathan Vella ta’ 41 sena, residenti Marsalforn tressaq b’urġenza l-Qorti ta’ Għawdex ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tat-9.00pm fejn ġie mixli li allegatament kien hedded lis-sieħba tiegħu b’sikkina.
Quddiem il-Maġistrat Simone Grech, l-Ispettur Mario Xiberras qal li lbieraħ għall-ħabta tat-8.30am il-Pulizija rċivew rapport li fi Tritons Court fi Triq ir-Rabat, Marsalforn kien hemm argument bejn koppja.
L-Ispettur Spjega li l-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post u rriżulta lil ċertu Jonathan Vella allegatament hebb u hedded lis-sieħba tiegħu Rosemary Vella b’sikkina.
Il-Pulizija mill-ewwel bdiet bit-tfittxija għal Vella fejn ġie arrestat waranofsinhar.
Quddiem il-Maġistrat Grech, Vella wieġeb mhux ħati tal-akkużi.
L-avukat difensur Dr Daniel Calleja għamel talba għall-ħelsien mill-arrest liema talba ġiet milqugħha mill-Qorti b’diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirma 3 darbiet fil-ġimgħa l-Għassa tar-Rabat, depożitu ta’ elf ewro u garanzija personali ta’ 5,000 ewro.
L-Ispettur Mario Xiberra mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li Dr Daniel Calleja mexxa d-difiża.