Friday, April 18, 2025

Mixli li heżżeż lil ibnu ta’ 15-il jum u beżaqlu u li sabbat lis-sieħba mal-art

Aqra wkoll

Missier ta’ tewmin, tifel u tifla ta’ 15-il jum tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat li heżżeż lit-tarbija tifel. Ġie akkużat li sabbtu fuq is-sodda, beżaqlu u qallu li jobogħdu.

Il-missier ta’ 24 sena residenti l-Belt Valletta tressaq b’arrest quddiem il-Qorti fejn kien akkużat b’diversi akkużi relatati ma’ vjolenza domestika.Huwa ġie akkużat li kkawża ġrieħi gravi lil ibnu, ġrieħi ħfief lis-sieħba tiegħu – omm it-tewmin – u li hedded lil bint is-sieħba li kienet preżenti waqt il-każ. 

Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi.

L-Ispettur Audrey Micallef qalet quddiem il-Qorti li r-rapport dwar il-każ kien wasla għat-Taqsima tal-Vjolenza Domestika nhar it-Tnejn li għadda. 

Omm it-tewmin qalet lill-Pulizija li l-argument mal-akkużat kien ilu għaddej minn filgħodu u dan anke permezz ta’ messaġġi li bgħat. Fir-rapport l-omm qalet li għall-ħin tan-nofsinhar, l-akkużat mar għandha d-dar, u malli fetħitlu, ħatfilha l-mobile u ordnalha tħassar ċerti messaġġi.

L-allegat vittma qalet li hi pprovat teħodlu l-mobile minn idejh, iżda dak il-ħin l-akkużat allegatament qabad lit-tifel, heżżu, beżaqlu f’wiċċu u beda jgħidlu li jobogħdu, qabel sabbtu fuq is-sodda.

L-Ispettur kompliet tixhed li l-omm qalet lill-Pulizija li l-akkużat kompla billi qabad lis-sieħba tiegħu minn xagħarha u xeħitha mal-art.

Kien hawn li l-allegat vittma qabdet oġġett biex tiddefendi ruħha mill-allegat aggressur.

L-omm qalet li mill-Isptar kienet baqgħet f’kuntatt mal-missier biex iżżommu aġġornat dwar it-tifel… bl-iskop li jżomm ruħu kalm u ma jersaqx lejn l-isptar.

Fil-qorti intqal li lit-tarbija sarulu diversi eżamijiet mediċi u ġew skedati aktar appuntamenti fid-dipartiment tal-Outpatients.

Iż-żagħżugħ baqa’ miżmum taħt arrest.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Audrey Micallef u mill-Avukat Miraiyah Borg tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport