Raġel ta’ 29 sena residenti Ħal Tarxien baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat b’każ ta’ vjolenza domestika.
Hu ġie mixli li kkawża biża’ ta’ vjolenza ikkaġuna ġrieħi ħfief u li insulenta lill-eks partner tiegħu bil-kliem. L-allegat każ seħħ quddiem it-tifel ta’ ħames snin li huwa tal-koppja.
Permezz tal-avukat difensur Dr Alessandro Farrugia, l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-każ seħħ nhar it-Tnejn waranofsinhar meta l-eks sieħba allegatament ġiet imsawta u mkaxkra mill-kamra tas-sodda sal-kċina.
Mal-pulizija l-vittma allegat li r-raġel ta bil-ħarta f’wiċċha u anke beda għajjarha bi kliem dispreġġattiv, fosthom “qaħba” u “kurnuta”.
Skont rapporti fil-midja l-argument inqala hekk kif l-imputat sab żewġ kontroċettivi neqsin u għalhekk beda jissuspetta li l-vittma kellha x’taqsam sesswalment ma’ xi ħadd ieħor.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat kompla jheddidha anke fil-preżenza tal-Pulizija. Ħareġ ukoll li fil-konflitt issemma każ tal-passat meta l-mara kellha relazzjoni ma’ raġel ieħor u kienet fuq sit OnlyFans. Il-prosekuzzjoni qalet li l-inċident allegatament seħħ quddiem it-tifel tagħhom ta’ ħames snin, fatt li nstab gravi fir-risk assessment.
L-Ispettur Carlos Cordina qal li l-imputat għandu l-fedina penali tal-akkużat mhux perfetta u anke meta sar assenjar mill-ħaddiema soċjali fuq il-mara r-riskju ġie “estrem”.
Ir-rapport tal-ħaddiema soċjali jindika wkoll li dan mhux l-ewwel każ ta’ allegata vjolenza bejn il-koppja.
Id-difża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest li sabet oppożizzjoni kbira mill-Prosekuzzjoni fost l-oħrajn li l-ħaddiema soċjali qalu li hemm riskju għoli għal vittma.
Min-naħa tagħha d-difiża qalet li dan il-każ hu mimli emozzjonijiet u fost l-oħrajn l-imputat għandu kundizzjoni ta’ ADHD. Id-difiża qalet li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest se jkun qiegħed jgħix ma’ ommu. Intqal li l-imputat hu konxju li r-relazzjoni kienet intemmet mas-sieħba tiegħu, iżda huma baqgħu f’kuntatt. Skont id-difiża l-vittma ma tantx kienet tibża’ minnu hekk kif ftit jiem qabel l-inċident kienet anke attendiet għal festi li sar f’għeluq is-snin tal-imputat.
Il-Maġistrat Jean Paul Grech wara li sema liż-żewġ partijiet ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-vittma għad trid tixhed, u anke mhux l-ewwel darba li kien hemm każ ta’ vjolenza domestika bejn il-koppja.

