Wednesday, November 27, 2024

Mixli li kellu 62 qratas bil-kokaina f’Paceville

Aqra wkoll

Raġel ta’ 35 sena mill-Maċedonja nżamm arrestat wara li ġie mixli li kellu fil-pussess tiegħu 62 qartas bil-kokaina f’Paceville. Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel jaħdem bħala bouncer fi stabbiliment tad-divertiment f’Paceville stess.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Mark Cremona spjegat li l-imputat Aleksandar Bogdanovski ġie arrestat il-Ġimgħa filgħaxija fi Triq il-Wilġa, f’San Ġiljan. Ġie spjegat li waqt li l-Pulizija kienet għaddejja bir-rondi tagħha, l-imputat deher jaġixxi b’mod suspettuż.

Huwa ttieħed l-Għassa u minn tfittxija li saret fuqu nstabu madwar 62 qartas allegatament bidroga kokaina. Minn iżjed tfittxijiet li saru fir-residenza tiegħu f’San Pawl il-Baħar u fil-vettura tiegħu, ġew elevati iżjed oġġetti relatati mad-droga.

Quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi, Bogdanovski wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża ma tagħmel ebda talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Maġistrat Azzopardi ordna sabiex l-imputat jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport