Barclay Vella ta’ 27 sena minn San Ġwann ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti mixli li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina mqassma f’disa’ qratas waqt li kien qed jattendi għall-festa ta’ Kristu Re, f’Raħal Ġdid.
Il-każ seħħ il-Ħadd li għadda waqt li kienu għaddejjin xi attivitajiet marbuta mal-festa. L-Ispettur Sarah Zerafa spjegat fil-Qorti kif il-pulizija kienet infurmata li l-każini tal-baned u l-bars fl-inħawi kellhom jagħlqu sa ċertu ħin, iżda grupp ta’ nies baqgħu għaddejjin biċ-ċelebrazzjonijiet u jmorru minn każin għall-ieħor.
Meta l-Pulizija waqqfithom milli jidħlu f’każin ieħor, raġel partikolari ġie osservat li kien qed jaġixxi b’mod suspettuż. Huwa ġie arrestat iżda minn tfittxija li saret fuqu ma nstablu xejn irregolari.
Malli ġie rilaxxat, huwa deher jiltaqa’ mal-imputat Vella barra l-għassa tal-pulizija u dak il-ħin il-Pulizija ratu jarmi xi ħaġa li kellu f’idu, li aktar tard irriżulta li kienet pakkett sigaretti mgħaffeġ u li fih kien hemm disa’ boroż żgħar b’sustanza bajda suspettata 4.6 grammi kokaina.
Vella wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom garanzija personali ta’ €7,000. Huwa tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ protezzjoni.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispettur Paul Camilleri.