Thursday, September 4, 2025

Mixli li keskes il-kelb għal missieru bil-konsegwenza li weġġa’ gravi

Aqra wkoll

Raġel ta’ 42 sena residenti l-Mosta nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li keskes il-kelb għal missieru bil-konsegwenza li weġġa’ gravi.

Fil-Qorti nstema’ kif il-Ġimgħa li għadda, missier l-imputat kien mar l-Għassa tal-Mosta jagħmel rapport fil-konfront ta’ ibnu u wara ttieħed l-Isptar Mater Dei minħabba l-ġrieħi li sofra.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li omm u missier l-imputat m’għadhomx flimkien u l-imputat kien jgħix m’ommu fir-residenza tagħhom filwaqt li l-missier ma kienx baqa’ jgħix magħhom.

Intqal li l-Ħamis li għadda, il-missier għal xi raġuni kien daħal fir-residenza u mar fil-kamra fejn kien hemm l-imputat u anke l-kelb. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-allegat vittma staqsa lil ibnu jekk kinux se jirranġaw xi kwistjonijiet li kellhom u l-imputat qallu li ma kinux se jirranġaw.

Il-Prosekuzzjoni żiedet tgħid li l-allegat vittma rribatta li riedx jitlaq u kien hawn meta allegatament l-imputat ħall lill-kelb u mar għalih bil-konsegwenza li kkaġunalu ġrieħi gravi fuq il-persuna tiegħu. Intqal li missier l-imputat għandu 69 sena.

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat fejn argument li kien l-allegat vittma li aċċeda fuq il-post u li l-imputat għandu xogħol fiss u jaħdem kuljum filwaqt li għandu fedina penali netta.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba biża’ ta’ ntralċ ta’ provi u dan għaliex għad irid jixhed l-allegat vittma u anke omm l-imputat li kienet preżenti għall-istess akkadut.

Id-Difiża rribattiet li f’dan il-każ ma hemm biża’ ta’ ntralċ ta’ provi minħabba li l-missier diġà kien tkellem ma’ xi familjari fejn stqarr li huwa kien dispost li jaħfer lil ibnu dment li jneħħi l-kelb.

Fid-dawl tan-natura serja tal-akkużi u l-fatt li hemm biża’ ta’ ntralċ ta’ provi, f’dan l-istadju l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegat vittma.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport