Adem Riad Mabruk Mamo ta’ 21 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq fil-Qorti t’Għawdex mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq raġel ieħor nhar l-Ewwel tas-Sena.
L-allegat każ seħħ fi Triq ir-Repubblika, ir-Rabat, Għawdex, b’Mamo jiġi mixli wkoll li għamel inġurji jew theddid u li kiser il-paċi pubblika.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Tilden Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Keith Xerri. L-Avukat Daniel Calleja deher għall-imputat.


