Monday, January 19, 2026

Mixli li kkaġuna l-mewt ta’ Kolumbjana f’inċident f’San Ġiljan

… jingħata l-ħelsien mill-arrest

Aqra wkoll

Stoyan Gafà ta’ 21 sena residenti Wied il-Għajn ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq fil-Qorti mixli bi traskuraġni u b’nuqqas ta’ tħaris ta’ regolamenti, ikkaġuna l-mewt ta’ Angie Marlen Mesa Gonzalez.

Gonzalez – mara Kolumbjana ta’ 31 sena – kienet tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku li seħħ nhar lejlet il-Milied tas-sena li għaddiet, fi Triq Mikiel Anton Vassalli, San Ġiljan. Hija kienet qiegħda ssuq mutur TVS Jupiter meta seħħ impatt ma’ Kia Picanto li kienet qed tinstaq miż-żagħżugħ ta’ 21 sena.

L-Ispettur Clive Abela, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni, spjega li fl-24 ta’ Diċembru 2025, għall-ħabta tat-3.30 p.m., huwa kien infurmat li seħħet ħabta bejn mutur u karozza f’San Ġiljan. Qal li x-xufier tal-mutur kienet tilfet ħajjitha filwaqt li s-sewwieq tal-karozza kien l-imputat u ġie arrestat.

Huwa żied jispjega li erbat ijiem qabel l-inċident, l-imputat allegatament kien involut f’ħabta oħra b’karozza differenti u li ma kienx kopert b’polza ta’ assigurazzjoni. Intqal ukoll li minn test li sarlu, instab li l-imputat kien pożittiv għall-kannabis. 

Fost l-akkużi li qed jiġi mixli bihom l-imputat hemm li saq vettura meta ma kienx f’pożizzjoni li jsuq minħabba xorb jew drogi u mingħajr ma kien kopert b’polza ta’ assigurazzjoni u li għamel ħsara fl-istess vettura u fuq il-mutur misjuq mill-vittma.

Huwa qed ikun mixli wkoll li kellu fil-pussess tiegħu r-raża meħuda mill-pjanta cannabis u l-kokaina, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklssiv tiegħu u li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti. 

Fil-Qorti, Gafà wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu. Id-Difiża talbet biex l-imputat jiġi segwit minn uffiċjal tal-probation permezz ta’ ordni temporanja ta’ superviżjoni, bil-Qorti tilqa’ din it-talba. 

Id-Difiża mbagħad talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-Prosekuzzjoni toġġezjona minħabba l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi u l-affidabbiltà tal-imputat. 

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, qalet li temmen li ladarba hemm inkjesta maġisterjali miftuħa u l-provi qed jiġu ppriservati, m’hemmx biża’ ta’ intralċ ta’ provi. 

Kien għalhekk li laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jrid jiffirma l-għassa kuljum, depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €30,000. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Darlene Grima u Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Clive Abela. 

L-Avukati Franco Debono u Arthur Azzopardi dehru għall-imputat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport