Raġel ta’ 51 sena tressaq fil-Qorti mixli li kkawża biża’ li se tintuża vjolenza fil-konfront tal-eks mara tiegħu wara li allegatament qal lil binthom li “kien se jaħraqha ħajja.”
Fil-Qorti, huwa qal li ma riedx li jkun assistit minn avukat u li ma setax jifhem għaliex kien arrestat.
L-Ispettur Christian Cauchi, li mexxa l-Prosekuzzjoni, spjega li l-allegata vittma kienet għamlet rapport fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika fejn qalet li fit-30 ta’ Diċembru li għadda, hija kienet flimkien ma’ bintha f’lukanda u mbagħad ċemplet lil missierha biex tgħidlu li ma setax ibigħ dgħajsa mingħajr il-firma tal-eks mara.
Fil-Qorti ntqal li huwa allegatament kien qalilha “ma jimpurtanix, se naħraq lil ommok ħajja”. L-eks mara tiegħu semgħet il-konverżazzjoni peress li l-mobile kien fuq speaker mode.
L-Ispettur Cauchi kompla jispjega li diġà kien hemm ordni ta’ protezzjoni fis-seħħ, maħruġa f’April tal-2025.
L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih fosthom li kkawża biża’ li se tintuża vjolenza fuq l-eks mara, li għamel użu ħażin ta’ tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika u li kiser ordni ta’ protezzjoni.
Huwa talab ukoll għall-ħelsien mill-arrest minħabba li qal li fi żmien xahar mistenni li jsiefer.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat, bil-Qorti tiċħad it-talba wara li nnotat li l-imputat kellu diversi kundanni preċedenti fuq akkużi simili u minħabba li għad fadal diversi xhieda li għad iridu jixhdu.




