Sunday, December 22, 2024

Mixli li kkorrompa tifel ta’ 9 snin f’ħanut fil-Mosta

Aqra wkoll

Ċiniż inżamm arrestat wara li ġie mixli li kkorrompa tifel ta’ disa’ snin f’ħanut fil-Mosta. L-allegat każ seħħ is-Sibt li għadda.

Zhou Jiankang ta’ 55 sena kien mixli li wettaq atti ta’ natura sesswali mingħajr kunsens fuq it-tifel, li kkaġunalu ġrieħi ħfief, li żammu kontra l-volontà tiegħu u li kien qed jaħdem f’Malta mingħajr permess.

L-Ispettur Godwin Scerri spjega li l-inċident seħħ f’ħanut fi Vjal l-Indipendenza, il-Mosta u li kienet omm it-tifel li rrappurtat dak li allegatament kien ġara.

It-tifel, viżibbilment imbeżża’, kien qal lill-pulizija li sid il-ħanut kien messu meta kien waħdu u waqt li ommu kienet qiegħda ddur fil-ħanut.

Il-Qorti semgħet ukoll kif il-pulizija rat filmati tas-CCTV, fejn deher ukoll l-allegat inċident. L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba n-natura serja tal-akkużi, il-biża’ li jista’ jaħrab mill-pajjiż u l-fatt li l-allegat vittma għad irid jixhed. Huwa kien mixli wkoll li ħadem f’Malta mingħajr ebda permess jew liċenzja bi ksur tal-liġijiet tal-immigrazzjoni.

Il-Maġistrat Kevan Azzopardi ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li osserva li għad baqa’ xhieda pajżana li għad iridu jixhdu, fosthom l-allegat vittma. Barra minn hekk, l-imputat ma deherx li kkopera waqt l-investigazzjonijiet u ma kellu l-ebda rabtiet ma’ Malta.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur it-tifel u l-ġenituri tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Godwin Scerri u Dorianne Tabone flimkien mal-Avukat Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukat Martin Farrugia deher għall-imputat.

Ekonomija

Sport