Saturday, October 26, 2024

Mixli li pprova jikkorrompi xhud bi flus u arloġġ tad-ditta

Aqra wkoll

Burton Azzopardi ta’ 21 sena residenti Bormla nżamm arrestat wara li ġie mixli li pprova jikkorrompi xhud li għad irid jixhed f’kawża separata.

Azzopardi kien mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li sar reċediv. Dan il-każ allegatament seħħ it-Tlieta li għadda fil-Birgu.

Huwa mifhum li dan il-każ huwa relatat ma’ dak li seħħ aktar kmieni din il-ġimgħa fejn qarib tiegħu ġie mixli li pponta pistola lejn il-mekkanik tiegħu u pprova jsuq għal fuqu b’karozza wara tilwima dwar il-kwalità ta’ xogħol li kien għamillu. Dan is-sit jinsab infurmat li l-imputat allegatament avviċina lill-mekkanik u offrielu ammont konsiderovoli ta’ flus kontanti u arloġġ tad-ditta.

Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, l-imputat Burton Azzopardi wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu bid-difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tiegħu minħabba li skontha f’dan l-istadju hemm biss allegazzjonijiet u l-fatt li hu għandu ħajja inkluż negozju u familja. 

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba li qalet li għad hemm xhud ieħor involut li għad irid jixhed kemm f’din il-kawża u anke fil-kawża l-oħra. Għalhekk il-prosekuzzjoni qalet li teżisti l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi. 

Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li jinżamm taħt arrest preventiv fil-faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Kitcher. L-avukat Martin Farrugia deher għall-imputat.

Sport