Stephen Debattista ta’ 25 sena mill-Ħamrun inżamm arrestat wara li kien mixli li pprova jisraq minn ħanut f’Santa Venera.
Debattista tressaq b’urġenza lbieraħ quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace mixli wkoll li wettaq ħsara fl-istess ħanut u li sar reċediv.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest. Fil-Qorti ħareġ li l-imputat għandu l-vizzju tad-droga u li lest jidħol għal programm ta’ rijabilitazzjoni.
Fid-dawl ta’ dan, saret talba biex huwa jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli minflok fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Wara li sema’ ż-żewġ naħat, il-Qorti laqgħet it-talba biex jinżamm fit-Taqsima Forensika.