Saturday, December 21, 2024

Mixli li pprova joqtol Kolumbjana f’bajja f’San Ġiljan

Aqra wkoll

Kolumbjan ta’ 21 sena tressaq il-Qorti mixli li pprova joqtol mara Kolumbjana f’bajja f’San Ġiljan. 

Fabian Medina Paira, li m’għandux indirizz fiss f’pajjiżna, tressaq b’arrest quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi.

Huwa ġie mixli b’attentat ta’ qtil, li kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq il-vittma, li kiser il-paċi pubblika u li għex ħajja ta’ għażż u vagabondaġġ.

Fil-Qorti, l-Ispettur Shawn Pawney spjega ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest tal-imputat. Huwa qal li l-Erbgħa li għadda, il-Pulizija kienet infurmata li persuna femminili kienet sfat aggredita minn persuna maskili f’bajja viċin Triq il-Wilġa, San Ġiljan. 

Konsegwenza ta’ dan, il-persuna femminili kienet f’periklu imminenti li titlef ħajjitha. Hija ttieħdet l-Isptar Mater Dei biex tiġi operata. Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li mal-vittma kien hemm persuna oħra li semmiet kif l-allegat aggressur kien ħebb għall-vittma b’oġġett li jaqta’. Irriżulta li l-vittma kellha żewġ feriti f’sidirha. 

Il-Pulizija bdiet tanalizza l-filmati tas-sigurtà li kien hemm fiż-żona ta’ fejn seħħ il-każ u ġie identifikat persuna mid-deskrizzjoni li ngħataw. Waqt li l-Pulizija kienu għaddejjin bit-tfittxijiet f’Pembroke lemħu lil dan il-persuna f’parkeġġ u hemmhekk ġie arrestat fuq il-post. 

L-Ispettur Pawney spjega li l-ħwejjeġ li kien liebes l-imputat kienu l-istess bħal dawk li deher liebes fuq il-filmati tas-sigurtà filwaqt li wiċċu kien jintgħaraf sewwa. Żied jingħad li l-vittma u l-imputat jidher li ma jafux lil xulxin. 

Sadaittant, l-imputat ma wieġeb għall-ebda domanda li saritlu fil-Qorti. Għaldaqstant il-Qorti qieset li huwa se jwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Id-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat u għaldaqstant baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Kaylie Bonett u Martina Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Shawn Pawney u Nico Zarb.

Ekonomija

Sport