Friday, November 7, 2025

Mixli li rabat lill-eks sieħba, lit-tifla u lill-fattiga

Aqra wkoll

Ċiniż ta’ 45 sena residenti San Ġiljan baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li rabat lill-eks sieħba, lil binthom ta’ disa’ snin u lill-fattiga tagħhom wara argument f’appartament f’San Ġiljan.

Ir-raġel, li ma jaħdimx, ġie mixli li weġġa’ gravi lill-eks sieħba tiegħu, li darab ħafif lill-fattiga u żamm lilhom u lill-minuri kontra l-volontà tagħhom. 

Il-Prosekuzzjoni spjegat fil-Qorti kif il-każ allegatament seħħ nhar is-27 t’Ottubru li għadda, għall-ħabta tal-5.30 p.m. L-Uffiċjali tal-Pulizija li kienu marru fuq il-post sabu lill-mara bi ġrieħi f’rasha, flimkien mal-fattiga u l-minuri.

Il-fattiga kienet qalet lill-Pulizija li l-koppja kellhom argument, bl-imputat allegatament jagħti daqqa tas-sieq lill-mara f’rasha u ħarġilha d-demm. Allegat ukoll li huwa mbagħad rabat lilha u lill-mara u meta ġiet it-tifla mill-iskola allegatament rabtilha sieqa mas-sodda qabel ħareġ mir-residenza.

It-tifla rnexxielha tħoll lilha nfisha u wara ħallet lil ommha u lill-fattiga u sussegwentement ċemplu għall-għajnuna. Aktar tard il-Pulizija kienu sabu lill-imputat mitluf minn sensih qrib ir-residenza. 

Meta kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija, l-imputat qal li huwa kien xorob u ma jiftakarx x’kien seħħ. Qal lill-Pulizija li huwa rari jixrob alkoħol u li kien imdejjaq wara li ntemmet ir-relazzjoni li kien fiha. 

Il-Maġistrat Elaine Rizzo ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat minħabba n-natura serja tal-akkużi u r-riskju li huwa seta’ jerġa’ jwettaq reat ieħor. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Kristina Bartolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Omar Zammit.

L-Avukat tal-Għajnuna Legali Francois Dalli deher għall-imputat. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport