Raġel ta’ 40 sena mill-Mosta tressaq il-Qorti mixli li sawwat lil martu b’cable tad-dawl quddiem binhom ta’ seba’ snin, bil-konsegwenza li weġġagħha gravi.
Ir-raġel, li jaħdem bħala electrician u plumber, tressaq ilbieraħ quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.
L-Ispettur Sherona Buhagiar spjegat lill-Qorti li fl-Għassa tal-Mosta kien sar rapport mill-mara dwar l-inċident. Il-vittma kienet indarbet gravi. Huwa mifhum li l-inċident seħħ wara li r-raġel issuspetta li martu kienet f’relazzjoni oħra barra ż-żwieġ.
Fil-Qorti ntqal li r-raġel kien imbotta lil martu mal-art u mbagħad allegatament sawwatha b’cable tad-dawl quddiem it-tifel tagħhom, li għad għandu seba’ snin.
L-imputat, li ismu mhux jidher fuq ordni tal-Qorti, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.
L-Avukat Franco Debono, li deher għar-raġel qal li l-imputat kellu fedina penali nadifa u kien se jmur joqgħod f’post ieħor fiż-Żejtun.
Il-Prosekuzzjoni sostniet li l-vjolenza qatt ma tista’ tkun iġġustifikata “irrispettivament minn dak li setgħet għamlet il-mara.” Dan wassal lil Dr Debono biex isostni li “seta’ kien adulterju.”
Missier l-imputat ġie msejjaħ biex jixhed u kkonferma li ibnu kien se joqgħod miegħu u man-nanniet tiegħu.
Il-Qorti tagħtu l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €20,000. Dan filwaqt li pprojbietu milli jitkellem ma’ ibnu sakemm jixhed u wissietu biex ma jaċċettax xogħol fil-Mosta.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.