Raġel ta’ 30 sena ġie mixli li sawwat lill-eks sieħba tiegħu wara argument li kellhom dwar binthom ta’ erba’ snin. L-imputat li fil-Qorti wieġeb mhux ħati hu mir-Rumanija u jaħdem bħala delivery person.
Il-Prosekuzzjoni qalet li kien is-Sibt filgħodu meta nqala’ argument bejnu u bejn l-eks sieħba li spiċċa anke b’mod fiżiku. Ġie spjegat li dakinhar kellu jmut għat-tifla, iżda għall-ħabta ta’ nofsinhar qal lill-eks sieħba li ma kienx sejjer għax ma tantx kien jiflaħ.
Kien hawn li allegatament l-eks sieħba bdiet tgħajjru u tallega li qatt ma kien qiegħed imur għat-tifla.
Kien hawn li l-vittma allegatament mar u ħebb għaliha tant li l-Prosekuzzjoni qalet li l-argument tant eskala li tela’ fuq karozza li ma kienetx tiegħu, qabad lill-mara minn xagħarha, heddida li se joqtolha, u beda jtiha bil-ponn. Intqal li l-mara kellha tittieħed l-isptar.
L-eks sieħba allegat mal-Pulizija li l-imputata għandu xi vizzji. Hu ċaħad li għandu xi vizzji tant li ma tax il-kunsens tiegħu biex joqgħod għal ordni ta’ trattament.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-investigazzjoni għadha għaddejja u l-vittma tinstema’ wkoll tinsulentah.
Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni favur l-ordni ta’ protezzjoni għall-eks sieħba. Avżatu li dwar it-tifla jista’ jikkomunika biss b’messaġġi u li l-aċċess għat-tifla se jsir biss permezz tal-għassa tal-pulizija l-Imsida.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, fejn sostniet li dan kien każ ta’ darba.
Il-Maġistrat Leonard Caruana qal li bil-ħruġ tal-ordni tal-protezzjoni, ma hemmx il-biża’ li l-akkużat se jikkomunika mal-vittma u wara li semgħat is-sottomissjonijiet laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest skont il-kundizzjonijiet mogħtija fid-digriet tal-Qorti.
Hu ġie ordnat jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa, u jrid ikun id-dar mill-10.00 p.m. sas-6.00 a.m..

