Il-Pulizija waslu għalih wara li l-oġġetti misruqa tpoġġew fuq Facebook Marketplace
Raġel ta’ 30 sena residenti San Pawl il-Baħar inżamm arrestat wara li ġie mixli li seraq b’kemm jiswew €20,000 f’oġġetti minn dak li kien iħaddmu.
Steve Camilleri tressaq quddiem il-Maġistrat Nadine Lia mixli b’serq aggravat.
Fil-Qorti ħareġ li l-oġġetti kienu rrappurtati misruqa s-sena li għaddiet iżda l-Pulizija waslu għar-raġel wara li allegatament ipprova jbigħhom fuq Facebook Marketplace.
Camilleri, li qal fil-Qorti li jaħdem bħala xufier tat-taxi, wieġeb mhux ħati tal-akkużi li nġiebu kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba li l-imputat qed jiġi akkużat b’serq mill-eks impjegat tiegħu u qal li x-xhieda se jinkludu wkoll kollegi tiegħu u għaldaqstant hemm il-biża’ ta’ intralċ ta’ provi. Barra minn hekk, il-Prosekuzzjoni qalet li waqt l-investigazzjoni, l-imputat ma kienx ikkopera mal-pulizija.
Fis-sottomissjonijiet tagħha, id-Difiża mmexxija mill-Avukat Adriana Zammit, qalet li r-raġel kellu impjieg stabbli mal-kumpanija għal 10 snin u f’daqqa waħda sab ma’ wiċċu mandat ta’ arrest u tfittxija. “Jekk il-każ huwa mibni fuq xhieda pajżana, il-pulizija kellha titkellem magħhom qabel ressqitu l-Qorti,” żiedet id-Difiża li rrimarkat li l-allegat serq seħħ aktar minn sena ilu.
Kien hawn fejn il-Maġistrat Nadine Lia staqsiet lill-Ispettur George Frendo, li mexxa l-Prosekuzzjoni, għalfejn ir-raġel kien arrestat issa meta s-serqiet seħħew is-sena li għaddiet.
L-Ispettur Frendo wieġeb li r-rapport lill-pulizija sar il-ġimgħa li għaddiet wara li l-oġġetti misruqa tpoġġew fuq Facebook.
Wara li kkunsidrat is-sottomissjonijiet tal-Prosekuzzjoni u d-Difiża, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li Camilleri jibqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Qorti ħeġġet ukoll lill-Prosekuzzjoni biex ittella’ x-xhieda fl-ewwel seduta.