Nicholai Azzopardi ta’ 40 sena mill-Belt Valletta tressaq il-Qorti fejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ serq u li wettaq ir-reat waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża. L-allegat każ seħħ fil-5 ta’ Marzu li għadda.
Id-Difiża, immexxija mill-Avukat tal-għajnuna legali Nadya Fiott, talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, u argumentat li Azzopardi, li bħalissa jinsab bla xogħol, kien qed ifittex impjieg.
Insistiet li għandu diversi “interviews” organizzati u li jekk jinżamm arrestat, jista’ jitlef opportunità ta’ xogħol.
Madanakollu, il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-proċeduri kienu għadhom fi stadju bikri u li l-akkużat wera li ma kienx ta’ min joqgħod fuqu.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi tal-Pulizija Brandon Bonnici u Roderick Agius.