Libjan ta’ 36 sena li m’għandux indirizz fiss ma ngħatax il-pleġġ wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima li nhar il-Ħamis ix-Xirka għall-ħabta tas-6pm kkommetta serqa ta’ €7,000 minn dar fiż-Żejtun.
Abdulgaader Dafer ġie mixli li fis-6 ta’ April li għadda għamel ħsara ta’ mhux aktar minn €250 billi sgassa tieqa ta’ residenza biex jikseb aċċess għall-post u jkun jista’ jikkommetti tali serqa.
Il-Pulizija rnexxielha tarresta lil-Libjan wara li dan kien inqabad fuq is-sistema tal-cameras tas-CCTV li hemm fil-post fi Triq il-Qamħ. Huwa mifhum li l-akkużat jaf lit-tifla tal-vittma u li ta’ spiss kien jitlobha xi flus.
Id-difiża permezz tal-Avukat Joe Brincat għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest tal-Libjan fejn qalet li minkejja li jidher li m’għandux indirizz fiss iżda ħabib tiegħu lest li jżommu miegħu u meta dan l-indirizz jingħata l-Qorti u jkollu fejn joqgħod. L-Avukat Brincat qal ukoll li għandu provi biżżejjed li juri l-falsità tal-każ, li mhumiex tort tal-Ispettur li ressqu.
Il-prosekuzzjoni opponiet għat-talba fejn qalet li sakemm tressaq il-Qorti l-ewwel qal li kien joqgħod San Ġiljan u wara Birkirkara u semma wkoll li kien għamel xi żmien Għawdex. Il-Qorti ċaħdet it-talba għax m’għandux indirizz fiss u l-ebda rabtiet ma’ Malta.
L-Avukat Maurice Meli deher bħala parte civile għan-nom tal-vittma filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Mercieca.