Raġel ta’ 31 sena li jgħix l-Imsida tressaq il-Qorti mixli li wettaq diversi serqiet.
Clifton Attard kien mixli li nhar it-22 ta’ Lulju li għadda seraq flus minn karozza pparkjata f’Ta’ Xbiex.
Huwa kien mixli wkoll li fis-6 t’Awwissu seraq mobile minn karozza fil-Gżira u l-għada seraq karti ta’ kreditu minn karozza oħra fl-istess lokalità u flus minn stabbiliment f’Ta’ Xbiex.
Akkużi oħra miġjuba kontrih jgħidu li fil-11 t’Awwissu seraq flus minn karozza pparkjata f’Ta’ Xbiex u li matul dan ix-xahar kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor.
Fil-Qorti ħareġ li Attard għandu problema tad-droga u allegatament wettaq l-ewwel reat jumejn biss wara li kien għadu kif ħareġ mill-ħabs.
L-imputat wieġeb mhux ħati u baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.