Emad Kaddar, Ingliż ta’ 30 sena residenti s-Sannat, Għawdex baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq fil-Qorti t’Għawdex fejn ġie mixli li seraq mutur u ftit wara kien involut f’ħabta bl-istess mutur.
Huwa kien mixli wkoll li kkawża ġrieħi ħfief fuq persuna oħra, li hedded tliet uffiċjali tal-pulizija, li għamel użu minn mutur mingħajr il-kunsens tas-sid, li saq mutur b’mod perikoluż u li għamel ħsara fuq żewġ muturi għad-detriment ta’ żewġ persuni.
Il-każ kellu l-bidu tiegħu s-Sibt li għadda, għall-ħabta tas-1.30 p.m., meta l-Pulizija kienet infurmata b’inċident fi Triq l-Għarb, Għarb. Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post fejn sabet li kien seħħ inċident bejn żewġ muturi, Honda u Kymco, u s-sewwieq tal-Honda, raġel ta’ 34 sena residenti x-Xagħra, kellu bżonn l-assistenza medika.
F’dan il-mument, persuni li kienu fuq il-post infurmaw lill-istess pulizija li s-sewwieq tal-Kymco, l-imputat, ħarab. Minnufih bdiet tfittxija għalih, fejn ftit ħin biss wara nstab il-viċinanzi tal-inċident u ġie arrestat. Intqal li waqt l-arrest huwa allegatament kien aggressiv fil-konfront tal-pulizija, li ma weġġgħux.
Matul l-investigazzjonijiet il-Pulizija sabet li l-mutur Kymco kien għadu kif insteraq mis-Sannat, allegatament mill-istess Ingliż li kien involut fl-inċident tat-traffiku u wara ħarab minn fuq il-post.
Iż-żewġt irġiel ittieħdu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex minħabba l-ġrieħi li ġarbu fl-inċident. Fil-Qorti t’Għawdex, l-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih iżda baqa’ jinżamm arrestat wara li kellu t-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Mauro Abela mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Josef Gauci. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Nadine Stivala dehret għall-imputat.
L-Avukati Jonathan Mintoff deher parte civile għal wieħed mill-vittmi u l-Avukat Joseph Grech deher parte civile għall-persuna l-oħra.