Friday, December 20, 2024

Mixli li sforza lil bintu biex tiżżewweġ minkejja li għad għandha 15-il sena

Aqra wkoll

… kien ukoll isawwatha għax ma kinitx tilbes il-hijab

Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, għamlitha ċara li f’pajjiżna għandna l-għażla nilbsu dak li rridu u jekk niddeċiedu li niżżewġu nistgħu nagħmlu dan b’għażla libera lil persuna li tkun tħobb u mhux żwiġijiet irranġati jew bil-forza.

Il-Qorti rrimarkat dan meta tressaq quddiemha missier Sirjan ta’ 43 sena, fejn ġie akkużat li sawwat lil bintu ta’ 15-il sena għax naqset milli tilbes il-hijab meta ħarġet barra mid-dar bir-riżultat li kkaġunalha ġrieħi ħfief kif ukoll li għamel pressjoni fuqha biex iġiegħla tiżżewweġ kontra r-rieda tagħha.

Ir-raġel, li ismu mhux jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex tkun protetta l-identità tat-tifla, kien mixli wkoll li kkaġunalha biża’ li se tintuża’ vjolenza kontriha, heddidha u insulentaha u naqas milli josserva xi kundizzjonijiet imposti fuqu b’digriet maħruġ mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li bih ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt garanzija. 

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih u talab li jingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi li hija waħda “reali”. 

L-Ispettur John Spiteri spjega lill-Maġistrat Mifsud li quddiemu tressaq l-akkużat kif jumejn ilu, il-Pulizija tal-control room irċevew messaġġ fuq il-paġna tagħhom ta’ Facebook fejn ingħad li minuri allegatament kienet qiegħda tiġi msawta u kien hemm ukoll l-allegazzjoni ta’ żwieġ sfurzat. 

Minnufih il-Pulizija bdiet tinvestiga l-każ u saru jafu fejn jirrisjedi l-akkużat. Meta ħabbtu mal-bieb tar-residenza fetħitilhom il-minuri li talbithom bil-ħniena biex jgħinuha.

L-Ispettur Spiteri qal li l-minuri rriżulta li kellha diversi ġrieħi u ta’ dan il-pulizija għandha wkoll ċertifikat mediku. Żied jgħid: “irriżulta wkoll li minbarra li kien hemm swat kontinwu, kien hemm ukoll il-ħsieb li l-missier ried iżewweġ lil bintu ma’ ċertu persuna imma hi ma riditx. Il-fatt li ma riditx kien ukoll iġiegħel lill-missier isawwatha.”

L-Ispettur Spiteri tenna li meta l-imputat ġie arrestat, ċaħad dawn l-allegazzjonijiet. Qal li l-minuri llum tinsab taħt il-kura tal-appoġġ fid-dawl li rriżulta li s-swat kien wieħed kbir fejn f’okkażjoni partikolari t-tifla kienet ħarġet iż-żibel barra mingħajr ma libset il-hijab u ta’ dan hija laqtet swat kbir.

Dwar il-karattru tal-akkużat, l-Ispettur semma wkoll li t-tifel l-ieħor tal-imputat kien ħarab mid-dar u mar l-għassa fejn kien irrapporta li allegatament kien qed ikun hemm diversi swat mill-ġenituri tiegħu.

Wara li ra l-akkużi u sema’ t-trattazzjoni għall-ħelsien mill-arrest, il-Maġistrat Mifsud qal li l-Qorti trid tipproteġi lis-soċjetà u lill-vittma. Qal li fis-soċjetà li ngħixu fiha mhux permessibbli li xi ħadd iġiegħel anke lill-aktar persuni għażiża għalih x’tip ta’ lbies jilbsu.

“Il-Qorti ma tindaħalx f’għażliet persunali tal-individwi bbażati fuq reliġjon jew tradizzjonijiet u lanqas trid timponi fuq simboli marbuta ma’ reliġonijiet varji. Il-Qorti trid tidħol fejn ikun hemm ksur ta’ liġijiet ta’ pajjżna, l-liġijiet ta’ Malta u tara li l-ħajja tkun protetta mill-konċepiment sal-mewt.”

Il-Maġistrat Mifsud żied jgħid ukoll li ordni tal-Qorti m’għandhiex tinkiser. “Il-Qorti tkun tat tali ordni biex tissalvagwardja kemm is-soċjetà inġenerali u b’mod partikolari lill-persuni li jeħtieġu protezzjoni. Din il-Qorti ma tistax tieħu l-ksur ta’ ordni b’mod leġġer għaliex jekk il-Qorti tkun leġġera tkun qiegħda tagħti l-impressjoni li tħalli lil min jiġi jaqa’ u jqum mill-ordnijiet tagħha jew ta’ kollegi tagħha.”

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-imputat jinżamm taħt arrest preventiv. 

Ekonomija

Sport