Wednesday, June 18, 2025

Mixli li stupra lil martu u heddidha b’sikkina

Aqra wkoll

Il-Qorti ċaħdet talba ta’ mara biex jitwaqqfu l-proċeduri kontra żewġha li għandu 69 sena wara li ġie mixli li stupraha. 

Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kien mixli wkoll li żamm lill-allegata vittma kontra l-volontà tagħha, li kkawżalha biża’ li se tintuża vjolenza kontriha kif ukoll li ħebb għaliha u nsultaha.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. L-Ispettur Christian Cauchi informa lill-Qorti l-koppja ilhom miżżewġin għal dawn l-aħħar 39 sena u kellhom sitt itfal. 

Il-mara kienet marret tagħmel rapport kontra żewġha fil-hub tal-Vjolenza Domestika f’Santa Luċija nhar it-28 ta’ Mejju li għadda fejn allegat li huwa beda jissuspetta li hi kellha raġel ieħor u li minħabba f’hekk kien beda jgħir. 

Spjegat li hi u żewġha ma jorqdux flimkien iżda fi kmamar separati. Żiedet tallega li huwa kien jidħol fil-kamra tagħha u jistupraha. Allegat ukoll li huwa kien jagħlaq il-bieb tal-bitħa biex il-ġirien ma jisimgħu xejn. 

Il-vittma kompliet tgħid li f’okkażjoni minnhom, l-imputat allegatament beda jheddidha b’sikkina. 

L-Avukat li deher għall-mara, informa lill-Qorti li hija xtaqet li twaqqa’ l-każ kontra l-imputat. Fuq il-pedana tax-xhieda, il-mara qalet li żewġha mhuwiex bniedem aggressiv iżda kulma għandu bżonn huwa mħabba u trattament. 

Wara li semgħet ix-xhieda tal-allegata vittma, il-Qorti ma laqgħetx it-talba biex jaqa’ l-każ, filwaqt li nnotat kif mix-xhieda tagħha jirriżulta li hija persuna vulnerabbli u li kienet qiegħda tipprova tiġġustifika l-aġir tiegħu.

Il-Qorti ċaħdet ukoll it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat filwaqt li nħarġet ordni ta’ superviżjoni temporanja.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Jurgen Dalli u Jennifer Polidano mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Christian Cauchi.

L-Avukat Kathleen Calleja Grima dehret għall-imputat filwaqt li l-Avukat Charlton Falzon Cascun deher għall-allegata vittma. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport