Sunday, December 22, 2024

Mixli li stupra lit-tfal tas-sieħba li għandhom 8 u 10 snin

Aqra wkoll

Raġel ta’ 44 sena nżamm arrestat wara li ġie mixli bi stupru u li kkorrompa ż-żewġt ibniet tas-sieħba tiegħu, li għandhom 8 u 10 snin. 

L-akkużat, li huwa Sirjan iżda residenti Santa Luċija, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. 

Fil-Qorti ħareġ li t-Tlieta li għadda, missier it-tfal kien mar jagħmel rapport fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija wara li wliedu infurmawh bl-allegat abbuż.

“Il-missier deher li kien fi stat ta’ xokk,” qal l-Ispettur Joseph Busuttil. Huwa stqarr miegħu li kien talab lil bintu ta’ 10 snin biex ma tilbisx quddiemu u quddiem ħutha l-oħra.

“It-tifla wieġbet li s-sieħeb il-ġdid ta’ ommha kien qabadha u daħħlilha s-swaba’ fil-parti tagħha,” kompla jgħid l-Ispettur. Qal li din il-verżjoni kienet ikkorraborata minn oħtha ż-żgħira li allegat ukoll li kienet għaddiet mill-istess affarijiet. 

“It-tfajliet kienu mfixkla ħafna u dehru mhux kuntenti, iżda spjegaw x’kien ġara. F’ħin minnhom il-missier infaqa’ jibki u telaq ‘il barra mill-kamra,” qal l-Ispettur. 

Huwa żied jgħid li meta l-Pulizija interrogaw lill-imputat, li wasal fil-Kwartieri Ġenerali ma’ omm it-tfal, ċaħad li kien jaf lit-tfal. 

L-imputat baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Avukat Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-imputat għandu jiddefendih lill-Avukat Mario Mifsud.

Ekonomija

Sport