Raġel li għandu każ pendenti dwar allegat stupru reġa’ tressaq fil-Qorti mixli li stupra mara oħra fost akkużi oħra.
Humair Yaqoob ta’ 25 sena mill-Pakistan iżda residenti Birkirkara, kien mixli bi stupru, li kkawża ġrieħi ħfief fuq il-vittma, li żammha kontra l-volontà tagħha, wettaq atti ta’ natura sesswali fuq il-mara mingħajr il-kunsens tagħha u li kkawżalha biża’ li se tintuża vjolenza kontriha jew kontra l-proprjetà tagħha.
Akkużi oħra kontrih jgħidu li seraq il-mobile tal-allegata vittma u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Huwa qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.
L-Ispettur Wayne Buhagiar spjega fil-Qorti kif nhar it-18 t’Awwissu, mara kienet għamlet rapport l-Għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta fejn allegat li ġiet stuprata fil-lejl ta’ qabel minn raġel li kien “mill-Pakistan jew mill-Indja.”
Il-mara, li taħdem bħala escort, qalet li kienet iltaqgħet mar-raġel u qablu fuq il-prezz ta’ €200 biex hija toffrilu xi servizzi sesswali.
Madanakollu meta marru f’appartament f’Tas-Sliema, l-allegata vittma ma riditx li jagħmlu s-sess minħabba li rat aġir aggressiv fih. Kien hawn fejn allegatament l-imputat żammilha ħalqha biex ma tgħajjatx u stupraha.
Il-mobile tal-mara kien waqa’ mal-art u allegatament ħadulha l-imputat. Hija aktar tard marret tagħmel rapport l-Għassa u eventwalment l-imputat ġie arrestat.
F’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat u għaldaqstant baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Cynthia Tomasuolo u Krista Spiteri Lucas mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Wayne Buhagiar u Joseph Mallia.
L-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit dehru għall-imputat.