Raġel ta’ 21 sena tressaq fil-Qorti t’Għawdex mixli li stupra mara u żammha kontra l-volontà tagħha.
L-allegat każ seħħ nhar it-30 ta’ Novembru li għadda u/jew fil-ġranet, fil-ġimgħat u x-xhur ta’ qabel f’residenza fix-Xlendi, Għawdex.
L-imputat, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kien mixli li wettaq att ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens tal-allegata vittma, li taha fastidju u li kien qed isegwiha bil-moħbi fost oħrajn.
Huwa kien mixli wkoll li kkaġunalha ġrieħi ta’ natura ħafifa, li għamel ħsara fi ħwejjeġ mobbli jew immobbli li jappartjenu lill-allegata vittma, li kiser il-paċi pubblika u li għamel użu mhux xieraq minn apparat ta’ komunikazzjoni elettronika.
Fil-Qorti nstema’ li l-allegata vittma kienet marret tagħmel rapport l-Għassa tal-Pulizja tar-Rabat u sussegwentement l-imputat kien arrestat fix-Xlendi.
L-imputat wieġeb mhux ħati tal-imputazzjonijiet miġjuba fil-konfront tiegħu iżda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li t-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda mill-Qorti.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Jurgen Dalli u Tilden Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Mario Xiberras.
L-Avukat Chris Said qed jidher għall-imputat.


