Tork ta’ 36 sena residenti Marsaskala baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li stupra mara li ltaqa’ magħha permezz ta’ dating app.
Onur Arslan tressaq fil-Qorti mixli li wettaq atti ta’ natura sesswali fuq mara. Huwa qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Huwa mifhum li r-raġel, li huwa miżżewweġ, kien iltaqa’ mal-allegata vittma u ħarġu jieklu flimkien. Huwa mbagħad ibbukkja kamra f’lukanda fejn allegatament seħħ l-istupru.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat billi argumentat li huwa għandu residenza fissa f’Malta u anke mpjieg stabbli.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-imputat kien se jsiefer lejn pajjiżu u li hemm il-biża’ ta’ intralċ ta’ provi fid-dawl li l-allegata vittma għadha ma xehditx f’dawn il-proċeduri.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant l-imputat baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Miriayah Borg flimkien mal-Ispetturi Dorianne Tabone, Ryan Vella u Cheyenne Mangion.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Silvan Pulis deher għall-imputat.

