Sunday, November 24, 2024

Mixli li stupra tliet nisa fi ħwienet tal-massaġġi

Aqra wkoll

Raġel ta’ 32 sena mill-Gambja nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fejn ġie mixli li stupra tliet nisa fi ħwienet tal-massaġġi differenti f’Tas-Sliema u Birkirkara.

Harona Conateh, li huwa residenti Ħal Qormi, tressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendio Dimech mixli bi tliet akkużi ta’ stupru. Huwa mifhum li l-akkużat kien allegatament rabat waħda mill-vittmi qabel stupraha fil-ħanut tal-massaġġi fejn kienet taħdem.

Il-Pulizija kienet waslet għas-suspettat permezz ta’ informazzjoni li rċeviet u filmati tas-CCTV. Huwa kien intlemaħ fi Triq Ħal Qormi, il-Ħamrun fen eventwalment kien arrestat.

Sussegwentement, il-pulizija fittxew fir-residenza tal-imputat fejn sabu l-istess ħwejjeġ li dehru li kien liebes fuq il-filmati tas-CCTV.

Qabel bdiet il-preżentata, malli uffiċjal tal-pulizija kien qed ineħħilu l-manetti, l-imputat telaq jiġri b’kemm jiflaħ fil-kurituri tal-Qorti. Huwa ġie miżmum mill-uffiċjali tal-pulizija iżda kompla jgħajjat u jissielet magħhom.

Conateh eventwalment ġie mrażżan u ddaħħal fl-awla. Xi ħin wara l-avukat tal-għajnuna legali Dr Ilona Schembri informat lill-Qorti li l-klijent tagħha kien qed jitlob li jmur lura l-Gambja.

Il-Maġistrat iżda qaltlu li qabel jirritorna l-Gambja, irid jaffaċċja l-proċeduri f’Malta. Spjegatlu li l-ewwel iridu jinstemgħu l-provi u l-proċess jieħu ż-żmien.

Conateh, li wieġeb mhux ħati għall-akkużi, qal li kien ħallas il-flus iżda “għall-massaġġi biss”. Kien hawn fejn il-Prosekuzzjoni infurmat lill-Qorti li kien hemm evidenza sostanzjali li turi li huwa “ried ħafna aktar minn massaġġi.”

L-imputat inżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest. L-Uffiċjali Prosekuturi se jaraw jekk jippreżentawx aktar akkużi fil-konfront tiegħu wara li pprova jaħrab qabel bdiet is-seduta.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Angele Vella u Nicholas De Gaetano mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Clayton Camilleri, Brian Xuereb u Wayne Buhagiar.

Sport