Raġel tressaq fil-Qorti fejn wieġeb mhux ħati li stupra u ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu.
L-allegata vittma kienet marret fit-Taqsima ta’ Kontra l-Vjolenza Domestika l-Ħadd li għadda biex tagħmel rapport fil-konfront tal-imputat. Hija allegat li l-imputat kien iffastidjaha permezz ta’ messaġġi li bagħtilha f’Ġunju u f’Lulju.
L-Ispettur Sherona Buhagiar spjegat fil-Qorti kif il-mara kienet għamlet rapport ieħor nhar it-30 ta’ Marzu, fejn allegat li l-imputat kien stupraha. Dak iż-żmien, il-koppja kienu għadhom flimkien.
Fil-Qorti nstema’ wkoll kif l-imputat allegatament kien taha daqqa ta’ sieq f’żaqqha, imbuttaha u aktar tard kien stupraha. Mir-risk assessment li sar fuq il-mara rriżulta li din kienet tinsab f’riskju għoli.
L-Ispettur Buhagiar kompliet tgħid li t-Tnejn li għadda reġgħet bagħtet għall-mara u tkellmet magħha fil-preżenza tas-social workers. L-imputat kien arrestat f’Għawdex u ġie skortat lejn Malta.
Fil-Qorti, huwa ġie mixli li stupra lill-eks sieħba, li żammha kontra l-volontà tagħha u wettaq atti sesswali mhux konsenswali fuq il-mara. Huwa ġie mixli wkoll li taha fastidju.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih iżda nżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Cynthia Tomasuolo u Kristina Bartolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Sherona Buhagiar.
L-imputat kien assistit mill-Avukat Robert Piscopo filwaqt li għall-allegata vitma deher l-Avukat Edward Gatt.