Il-Qorti semgħet kif mara allegatament ġiet stuprata wara li ttieħdet f’appartament fiż-Żejtun biex titgħallem kif tagħmel il-massaġġi.
Dawn id-dettalji ħarġu meta tressaq raġel ta’ 27 sena, li ġie mixli bi stupru, li żamm lill-allegata vittma kontra l-volontà tagħha u li wettaq atti ta’ natura sesswali fuqha mingħajr il-kunsens tagħha.
L-imputat, li huwa ta’ nazzjonalità Indjana, tressaq quddiem il-Maġistrat Ann Marie Thake fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Il-każ allegatament seħħ nhar l-Erbgħa li għadda.
L-Ispettur Wayne Buhagiar spjega kif l-allegata vittma, li hija ta’ nazzjonalità Kolombjana, marret l-għassa tal-pulizija u rrapportat li kienet rat avviż fuq il-Facebook għal xogħol ta’ “terapista tal-massaġġi”.
Il-persuna li tkellmet miegħu fuq il-midja soċjali qalilha biex tmur f’appartament iż-Żejtun biex titgħallem din it-teknika. Hija kienet ingħatat ukoll numru tal-mobile u l-post fejn kellha tmur.
Hija marret fl-appartament fejn hemm sabet lill-imputat u allegatament ġiet stuprata minnu. B’rabta ma’ dan il-każ kienet infetħet inkjesta maġisterjali u sussegwentement l-imputat ġie arrestat.
Fil-Qorti, l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Wayne Buhagiar. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Ingrid Zammit Young dehret għall-imputat.


