Friday, January 9, 2026

Mixli li ta fastidju sesswali lil tfajla ta’ 16-il sena

Aqra wkoll

Sirjan ta’ 28 residenti Ħal Qormi nżamm arrestat wara li ġie mixli li ta fastidju sesswali lil tfajla ta’ 16-il sena.

Bashar Ibrahim Obid, li jaħdem bħala kaħħal, ġie mixli li wettaq atti ta’ natura sesswali fuq minorenni. 

L-Ispettur Dorianne Tabone spjegat fil-Qorti li f’Novembru li għadda, l-allegata vittma kienet marret l-Għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta flimkien ma’ ommha biex tirrapporta l-każ.

It-tfajla qalet li kienet avviċinata minn raġel fil-Belt Valletta u beda jagħmlilha xi rimarki sesswali. Huwa allegatament baqa’ jsegwiha sa lift pubbliku fejn beda jmissha b’mod indiċenti u anka jpoġġilha jdejh fuq il-parti privata tiegħu.

Xi jiem wara, ir-raġel reġa’ lemaħ it-tifla viċin tar-residenza tagħha u avviċinaha għal darba oħra. Din id-darba, hija kienet fuq video call ma’ ommha u din tal-aħħar qaltlu biex lil bintu jħalliha bi kwieta.

Wara li sar rapport, ir-raġel kien identifikat u ġie arrestat. 

L-imputat tressaq fil-Qorti lbieraħ fejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

F’dan l-istadju ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat u b’hekk inżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Danika Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Dorianne Tabone u Jeffrey Rizzo. 

L-Avukat tal-Għajnuna Legali Yanika Bugeja dehret għall-imputat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport