Raġel inżamm arrestat wara li kien mixli li ta n-nar dgħajsa x-xahar li għadda.
Wayne Delia ta’ 36 sena minn Santa Venera tressaq il-Qorti mixli li wettaq dan ir-reat fis-sigħat bikrin tad-29 ta’ Lulju u li għamel ħsara fuq id-dgħajsa “Megan Valletta” li kienet sorġuta mal-moll f’Tas-Sliema.
Delia kien mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Fil-Qorti ħareġ li l-Pulizija kienu rċeivu rapport ta’ dgħajsa li kienet qiegħda taqbad ftit ‘il barra mix-xatt ta’ Tas-Sliema. Intqal li filmati tas-CCTV urew lill-akkużat iwaddab oġġett jaqbad fuq id-dgħajsa.
Il-Prosekuzzjoni qalet li identifikat lill-imputat mill-istatura tiegħu u t-tpinġijiet li kellu fuq ġismu.
L-imputat, li fil-Qorti qal li ma jaħdimx, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu iżda nżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mario Xiberras, Jeffrey Scicluna u Colin Sheldon. L-Avukat Francesca Zarb dehret għal Delia filwaqt li l-Avukat Rene Darmanin deher parte civile għas-sidien tad-dgħajsa.